Li tkun f’post ma’ nies ta’ l-istess fehma

Sabīne, studenta tax-xjenzi politiċi. Il-vjaġġ tiegħi mal-komunità flimkien.eu beda saħansitra qabel ma din inħolqot, meta kienet magħrufa bħala l-kampanja "Did-darba se nivvota". Involvejt ruħi fiha bħala studenta fl-iskola sekondarja Nru 25 ta' Riga, waħda mill-iskejjel tal-programm "Skola Ambaxxatriċi tal-Parlament Ewropew".

Fil-fehma tiegħi, "Did-darba se nivvota" offiet opportunità għall-attivisti fil-Latvja u f'postijiet oħra fl-Ewropa biex jinvolvu ruħhom fil-proċessi ta' tħejjija qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u biex jesprimu opinjoni bħala parti minn xi ħaġa akbar. Ftit qabel l-elezzjonijiet ħadt sehem f'seminar Ewropew taż-Żgħażagħ fi Brussell dwar id-diżinformazzjoni u l-kampanja elettorali Ewropea, fejn flimkien ma' żgħażagħ minn pajjiżi Ewropej oħra ppreżentajna l-ideat tagħna lir-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew. Tqajmet ukoll l-idea li "Did-darba se nivvota" titkompla wara l-elezzjonijiet bħala pjattaforma mifruxa mal-Ewropa kollha. L-għan ewlieni kien li jitlaqqgħu flimkien persuni b'fehmiet simili u jipparteċipaw f'avvenimenti fi Stati Membri oħra. Ftit wara rċevejt email li stednitni ningħaqad ma' komunità Ewropea, li minnufih ġiegħlitni nifhem li ħidmieti u l-ħidma ta' żgħażagħ oħra waqt is-seminar kienu ġew rikonoxxuti!

Filwaqt li qabel dak li jkun seta' jistaqsi min kellu bżonn avvenimenti jew seminars bħal dawn, issa t-tweġiba hija ċara u bla tlaqliq – hija l-komunità flimkien.eu li għandha bżonnhom. U wara din it-tweġiba hemm nies lesti jiddefendu u jiġġustifikaw dan il-bżonn. Minkejja r-restrizzjonijiet li ħolqot l-pandemija, ipparteċipajt f'diversi avvenimenti fil-programm tal-eks studenti "Skola Ambaxxatriċi tal-Parlament Ewropew", kemm personalment kif ukoll online, u nista' ngħid li dawn l-avvenimenti huma kemm edukattivi kif ukoll motivanti. Madankollu, fil-fehma tiegħi l-aktar ħaġa importanti hija l-pjattaforma komunitarja li qed tikber, jew il-grupp ta' Facebook, li jinkludi lil dawk kollha li għandhom interess fl-Ewropa, u li jixtiequ jkunu involuti fiha u jsawruha.