Storja ewlenija ta’ flimkien.eu dwar persuna li ġabet il-bidla:
IS-SLOVAKKJA – Nicole u Nina

Nicole u Nina waqqfu l-assoċjazzjoni “Potenzjal Ewropew”. It-tnejn huma studenti tal-liġi fl-Università ta’ Trnava fis-Slovakkja.

Permezz tal-assoċjazzjoni ċivika “Potenzjal Ewropew”, huma għandhom l-għan li jqajmu kuxjenza dwar l-Unjoni Ewropea, il-valuri, il-prinċipji u l-prijoritajiet tagħha. L-assoċjazzjoni tindirizza liż-żgħażagħ direttament biex jaqsmu informazzjoni dwar l-opportunitajiet li l-UE għandha x’toffri, inklużi għotjiet, sussidji, fondi tal-UE u diversi tipi ta’ proġetti, internships u skambji. “Potenzjal Ewropew” tuża networks u avvenimenti soċjali biex ixerred din l-informazzjoni u timmotiva liż-żgħażagħ biex isiru ċittadini attivi u involuti.

Minbarra li torganizza diskussjonijiet mar-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet Ewropej, “Potenzjal Ewropew” tmexxi wkoll workshops fl-iskejjel sekondarji, biex tgħin lill-istudenti jifhmu l-UE, il-korpi tagħha u r-rwoli u s-setgħat tagħhom. Il-parteċipanti jitgħallmu dwar l-importanza tal-elezzjonijiet u l-involviment ċiviku, u jiżviluppaw il-ħsieb kreattiv, il-ħiliet tagħhom ta’ preżentazzjoni u ta’ ħidma f’tim.

Nina u Nicole stabbilixxew l-assoċjazzjoni biex jindirizzaw in-nuqqas ta’ informazzjoni preċiża dwar l-UE u l-istituzzjonijiet tagħha fil-komunità tagħhom. Ħafna studenti Slovakki m’għandhomx idea dwar l-opportunitajiet li l-UE għandha x’toffri, inklużi internships fl-istituzzjonijiet Ewropej.

Permezz tal-passjoni, id-determinazzjoni u t-twemmin qawwi tagħhom fil-poter ta’ ċittadinanza infurmata, Nicole u Nina qed iwittu t-triq għal komunità aktar infurmata u impenjata fl-università tagħhom u fuq flimkien.eu.